Saturday, January 16, 2010

It-Trab tal-Power Station u l-Kancer.



It-trab l-iswed ilu snin jaqa’ fuq in-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Waqt li kull min joqgħod fil-Marsa, f’Raħal Ġdid, f’Ħal Tarxien, f’Santa Luċija u fil-Fgura jaf minn fejn ġej dan it-trab iswed (inkluż il-perit Mugliett) l-Enemalta u l-Gvern għadhom qegħdin jgħidu li ma għandhomx pro­vi ta’ x’qiegħed jikkawżah. Issa kulħadd jaf li biex issolvi problema l-ewwel trid tagħraf minn fejn hi ġejja. Il-Gvern, b’ammissjoni tiegħu stess, lanqas s’hawn ma wasal!Sadanittant is-saħħa tal-poplu tal-madwar qiegħda tbati.


L-istudju li sar xi ftit tas-snin ilu minn żewġ tobba Maltin (Balzan u Bonnici) dwar ir-rata għola ta’ ażma u mard respiratorju ieħor fin-naħa tal-Fgura huwa importanti. Waqt li dawn iż-żewġ tobba ma analizzawx il-kawża ta’ din ir-rata għolja ta’ mard tal-pulmun, urew ċar li min joqgħod fl-inħawi tal-Fgura u l-madwar għand riskju ogħli ta’ mard respiratorju. Minkej­ja li r-riżultati ta’ dan l-istudju huma pubbliċi u ċari, il-Gvern ma ħa l-ebda azzjoni biex jipprova jindirizza din il-problema.

Issa però sar studju aktar importanti! Tabib Malti ieħor (din id-darba speċjalistà tal-kanċer) għamel studju xjentifiku dettaljat li juri li r-rata tal-kanċer tal-pulmun hi ogħla fl-inħawi tal-power station tal-Marsa! Ħa nkun ftit tekniku u nagħti dettalji dwar dan l-istudju għax dawn ir-riżultati huma ta’ importanza kbira u jitfgħu dawl ġdid fuq id-dibattitu tal-power station.


It-tabib li għamel l-istudju analizza l-każi kollha ta’ kanċer tal-fwied, tal-buż­żieqa tal-awrina, tas-sider, tal-pulmun, tal-kliewi, tal-moħħ u tad-demm li seħħew f’Malta bejn l-1992 u 2001. Dawn kienu jammontaw għall-mijiet ta’ każi. Imbagħad ra jekk kienx hemm żieda fir-rata ta’ dawn it-tipi ta’ kanċer f’inħawi differenti ta’ Malta. Waqt li għall-każi l-oħrajn kollha, ir-rata kienet l-istess kullimkien, għall-kanċer tal-pulmun deher ċar li aktar ma toqrob lejn il-power station tal-Marsa aktar togħla r-rata ta’ dan il-kanċer.Tant kienet ċara u allarmanti din iż-żieda fir-rata tal-kanċer tal-pulmun li dan it-tabib stess fl-istudju tiegħu għamel rakkomandazzjoni lill-MEPA, lill-Gvern u lil-Enemalta biex jieħdu azzjoni biex b’hekk jonqsu l-emis­sjonijiet mill-power station. L-istudju jirrakkomanda wkoll li jsir moniteraġġ tad-dħaħen li joħorġu mil-power station u li r-riżultati ta’ dan ikunu ppubblikati.Waqt li l-Gvern għadu qiegħed jaħsibha dwar minn fejn ġej it-trab iswed, l-evidenza xjentifika qiegħda turi b’mod ċar id-dannu għas-saħħa tan-nies li qiegħda ssir mil-power station tal-Marsa.


Issa suppost li fi żmiem sentejn jew tlieta oħra din il-power station – fuq insistenza tal-Unjoni Ewropea – trid tagħlaq. Minflokha se tinbena estensjoni tal-power station ta’ Dellimara. Imma anke hawnhekk se niżgarraw! Minflok għażel sistema li tniġġes l-inqas possibbli, il-Gvern għażel li jibni l-power station il-ġdida b’makkinarju li jaħdem bil-‘heavy fuel oil’. U hawn ukoll, min jifhem qiegħed isemma’ leħnu dwar saħħet il-poplu. Waqt dibattitu pubbliku tabib (ieħor, mhux it-tlieta li diġà semmejna) li hu speċjalistà tat-tfal spjega ċar u tond ir-riskji żejda fuq saħħet uliedna li se jkollha din l-għażla żbaljata tal-Gvern.


L-esperti mediċi qegħdin jgħidu bla tlaqliq x’inhuma l-perikli. Issa sta għall-Gvern li jekk għandu l-widnejn, jisma’.

Sunday, January 10, 2010

L-Anzjani u l-Vot.


L-istatistika turina li l-po­polazzjoni ta’ Malta bħal tal-bqija tal-Ewropa qiegħda dejjem tikber fl-età. Waqt li fl-1985 l-età medja f’Mal­ta kienet ta’ 34 sena, din tel­għet għal 39 sena fl-2005. Dan qed jiġri minħabba żewġ fe­­­nomeni.


L-ewwel hemm il-fatt li llum in-nies qegħdin jgħi­xu iżjed. L-iżviluppi fil-mediċina, kundizzjonijiet ta’ xogħol u għixien aħjar, ikel aktar nut­rittiv u miżuri oħrajn ta’ sanità, waslu biex il-bniedem, għallin­qas f’pajjiżi żviluppati, jgħixu aktar fit-tul. Il-‘life expectancy’ f’Malta llum hija ta’ 81 sena għan-nisa u 77 sena għall-ir­ġiel.


It-tieni raġuni l-għala l-età medja tal-popolazzjoni Maltija qiegħda tikber hi li kull sena qegħdin jitwieldu inqas trabi. F’temp ta’ 20 sena n-numru ta’ trabi ġodda li jitwieldu kull sena naqas kważi b’terz. Din hija ċifra kbira u li se jkollha effetti serji fuq id-demografija tal-pajjiż. Fl-1988 kellna 5,500 wild ġdid. Filwaqt li s-sena li għaddiet kellna biss 4,000.Dan kollu wassal biex il-pro­porzjon tal-popolazzjoni Malti­ja li hija magħmula mill-anzja­ni qiegħda dejjem tikber. F’temp ta’ 40 sena il-persentaġġ ta’ Maltin li għandhom ’il fuq minn 65 sena rdoppja. Waqt li n-numru ta’ dawk fuq it-80 sena rdoppja fi żmien qasir ta’ għaxar snin. Hu stmat li sal-elezzjoni ġenerali li jmiss 15% tal-Maltin se jkollhom ’il fuq minn 65 sena. U li x’aktarx dan in-numru se jkompli jiż­died fiż-żmien li ġej.Dan ifisser li l-ebda partit po­litiku li jrid jirbaħ l-elezzjoni ġenerali ma jista’ jinjora lil din is-sezzjoni tas-soċjetà.


X’inhuma l-akbar preokku­paz­zjonijiet tal-anzjani?Naturalment kulħadd għandu l-problemi personali tiegħu. Iżda numru ta’ problemi huma komuni għal kważi l-anzjani kollha. Fil-fehma tiegħi l-aktar tliet problemi komuni huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-flus, dak ta’ saħħa, kemm fiżika u kemm mentali, u l-prob­lema tan-nuqqas ta’ kumpanija. Ħalli nibdew minn tal-aħħar. Ħafna anzjani jispiċċaw jgħixu waħedhom. Wara ħajja sħiħa jaħdmu u jieħdu ħsieb il-familja, tifhem kif jistgħu jħossuhom abbandunati mis-soċjetà.


Il-Partit jagħmel tajjeb jekk juża l-friegħi tiegħu fl-ibliet u l-irħula biex iżomm kuntatt dirett u ta’ spiss ma’ dawn l-anzjani. Tradizzjonalment dan ix-xogħol kien isir mill-par­roċċa. Imma jekk il-partit irid ikattar l-appoġġ li għandu fost dawn in-nies, dan ix-xogħol irid jidħol għalih hu. Illum b’għoli tal-ħajja bla ra­żan, u bl-ispejjeż dejjem jikbru ta’ mediċini, u f’ċerti każi b’żi­diet fil-kera, il-pensjoni ma għad­hiex isservi. Min ma kellux xi ħaġa mfaddla biex jiekol minnha, qiegħed ibati l-faqar. Fil-futur il-pensjonijiet se jku­nu aktar mheddin minħabba l-bidla fid-demografija li semmejna qabel. Il-PL irid juri li huwa l-partit f’Malta li jista’ joffri soluzzjoni għal din il-prob­lema. Il-Gvern tal-lum għa­mel ħafna studji dwar is-sos­tenibilità tal-pensjonijiet imma azzjoni ħa ftit li xejn.Fejn tidħol is-saħħa tal-anzja­ni hawn problemi kbar. Il-‘wai­t­ing lists’ għall-operazzjonijiet l-aktar li jmissu huma lill-anzjani. In-nuqqas ta’ mediċini u nuqqas ta’ kontroll fil-prezzijiet jolqtu lil kulħadd, imma l-aktar lill-pensjonant. Ma’ dan trid iżżid in-nuqqasijiet fis-ser­vizzi tas-saħħa fil-komunità u l-‘waiting list’ biex tidħol f’dar tal-anzjani. Hawn ukoll il-Partit Laburista jrid joffri s-soluzzjonijiet hu fejn il-Gvern Nazzjo­nalista jidher li ma wasalx.


Illum kulħadd jaf juża moħ­ħu. U l-vot lejn partit jew ieħor ma għadux xi ħaġa awtomatika. L-anzjani, li kulma jmur qegħdin jifformaw parti akbar mis-soċjetà tagħna, jivvotaw kif jaqblilhom. Il-PL bil-‘policies’ tiegħu favur l-anzjani u bis-sehem tal-anzjani stess fl-istrutturi tiegħu, għandu jaħ­dem biex jirbaħ dan il-vot.

Friday, November 6, 2009

Il-Basket tal-Iskola


Niftakar m’ilux, nara u nitkaża b’dokumen-tarju fuq it-TV li wera tfal ta’ età żgħira f’pajjiż fl-Asja jaħdmu u jerfgħu piżijiet kbar. U tkażajt bir-raġun. Għax l-ebda tifel jew tifla ma għandha titħalla taħdem u tbati ta’ età żgħira. Imma mbagħad l-għada jien u nsuq għax-xogħol, fis-6.30 ta' filghodu. rajt koċla tfal jistennew fis-sirda għat-trasport ta’ l-iskola u mogħbbija aktar minn dawk it-tfal Indjani, bil-basktijiet tal-iskola.

Din tax-xarabankijiet tal-iskola li jgħaddu għat-tfal meta jkun għadu bilkemm sebaħ hija kefrija żejda u trid tinqata’. Vera li tax-xarabank ikun irid jagħmel aktar minn vjaġġ wie-ħed, imma dan ma għandux isir għas-spejjeż tat-tfal tagħna. Dan biex ma nsemmux li mbagħad it-tfal jaslu l-iskola xi siegħa jew aktar qabel ma jkunu se jidħlu fil-klassi! Meta l-Gvern jagħmel ir-riforma fit-trasport pubbliku, it-trasport tal-iskola jrid ukoll iħares lejh biex prattiċi ħżiena bħal dawn jinqatgħu.

Pero l-aktar li fakkarni fit-tfal imsieken ta’ dak id-dokumentarju kien li tara tfal ta’ età żgħira mirwija ganċ taħt bas-ktijiet tqal tal-iskola. Huwa fatt magħruf li tfal li għadhom qegħdin jiżviluppaw ma għan-dhomx jerfgħu piżijiet tqal. Għalkemm hemm ħafna fatturi li jistgħu jwasslu biex tfal u żagħżagħ ibatu b’uġigħ muskolari, meta terfa’ tagħbijiet tqal ta’ kuljum jista’ jkun fattur importanti. Ir-rakkomandazzjoni hi li tfal tal-iskola ma għandhomx jerfgħu piżijiet ta’ aktar minn 15 fil-mija tal-piż tagħhom stess. Studju li kien sar Malta fis-sena 2000, wera li 22 fil-mija tas-subien ta’ Year 4 kellhom basktijiet tal-iskola li jiżnu ‘l fuq minn 20 fil-mija tal-piż tat-tfal. Din hija ċifra allarmanti. U hija aktar allarmanti meta tqis li numru kbir ta’ dawn it-tfal diġà huma ‘overweight’ fihom infushom, u allura din iċ-ċifra ta’ 22 fil-mija mhijix turi l-verità kollha.

Dan kollu jfisser li fl-iskejjel primarji, meta t-tfal għadhom żgħar u dgħajfin, għandna pro-blema bil-piż żejjed bil-basktijiet tal-iskola.

X’għandu jsir? L-ewwel nett huwa importanti li kemm il-ġenituri kif ukoll l-awtoritajiet tal-iskejjel ikunu konxji ta’ din il-problema. Biex ikun ġust, irrid ngħid li xi seba’ jew tmien snin ilu d-Dipartiment tal-Edukazzjoni kien ħareġ xi rakkomandazzjonijiet li bagħat lis-surmastrijiet tal-iskejjel, fuq il-basktijiet. Kemm seħħew minn dawn ir-rakkomandaz-zjonijiet għandi dubju. Per eżempju, rakkomandazzjoni minnhom hi li l-iskejjel għandhom ikollhom ‘lockers’ għall-istudenti biex dawn iżommu l-iskola l-kotba u pitazzi li ma għandhomx bżonn għall-‘homework’. Importanti ukoll li t-‘timetable’ tkun ċara u li t-tfal ikunu jafu eżatt x’kotba għandhom bżonn minn ġurnata għall-oħra. Min jagħmel it-‘timetable’ jrid iżomm f’moħħu li ma jkunx hemm ġranet meta t-tagħbija tal-kotba tkun waħda esaġerata.

Min-naħa tagħhom il-ġenituri jridu jaraw li t-tfal jirran-ġaw il-basket kuljum biex ma jieħdux affarijiet żejda fih. Tajjeb ukoll li l-pitazzi ma jkunux ħoxnin biex ikompli jonqos il-piż.

Jiena ċert li kemm l-għalliema kif ukoll il-ġenituri lesti jagħmlu minn kollox biex it-tfal tagħna ma jkollhomx tbatija. Diġà nagħfsu t-tfal b’numru ta’ eżamijiet li hu fost l-ogħla fid-dinja.

U diġà s-sillabu ta’ kull sena jiżdied. Li mbagħad inħallu lil uliedna mgħobbijin b’piż ta’ basktijiet tqal, u jistennew it-trasport fis-6.30 a.m., hija xi ħaġa żejda.

Saturday, October 10, 2009

Flyovers Hodor.


F’dawn il-ġranet l-ambjent u t-tniġġis tal-arja ssemmew ħafna. L-ew-wel kellna l-kwistjoni tat-trab l-iswed li kien, u għadu, qed jiksi n-naħa t’isfel ta’ Malta. Waqt li kull min jitla’ fuq il-bejt jista’ jara dħaħen kbar ħerġin miċ-ċmieni tal-power stations, il-Gvern u l-Enemalta għadhom qegħdin jgħidu li ma jafux minn fejn ġej dan it-trab iswed.


Imbagħad, dwar l-istess ċmieni tal-power stations, kellna d-deċizjoni tal-Unjoni Ewropea li timmulta lill-Gvern Malti talli dawn qegħdin inniġġsu l-arja b’mod eċċessiv u li jmur kontra l-Liġi Ewropea. Kellna wkoll il-każ tal-power station il-ġdida ta’ Dellimara li minkejja l-wegħda li din kienet se tkun taħdem bil-gass, issa nafu li se tinbena taħdem bid-diżil. U kellna wkoll diskussjoni fil-Parlament dwar il-bdil fil-klima, meta saħansitra l-Prim Ministru stess wissa li jekk il-pajjiż ma jagħmilx xi ħaġa malajr biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-CO2, (wara aktar minn 20 sena ta’ gvern tal-partit tiegħu stess!) tant se neħlu multi mill-UE, li l-ekonomija Maltija se tikkrolla!


M’hemmx dubju li l-arja li nieħdu f’partijiet kbar ta’ Malta hija ta’ kwalità ħażina. Studju li sar ftit tas-snin ilu minn tobba Maltin, wera li fin-naħa ta’ madwar Raħal Ġdid (inklużi l-Fgura, iż-Żejtun u l-Marsa) ir-rata ta’mard respiratorju huwa ogħla mill-medja tal-kumplament ta’ Malta. Dawn it-tobba attribwew dan għat-tniġġis tal-arja, li huwa għoli f’dawn l-inħawi. U l-akbar żewġ kawżi ta’ dan it-tniġġis huma d-dħaħen tal-power stations u d-dħaħen tal-karozzi. Dwar il-power stations f’dawn il-ġranet ingħad u għad irid jingħad aktar. Suppost li dik tal-Marsa għandha tagħlaq fi żmien tliet snin. Il-Gvern jagħmel sew jekk iżomm il-wegħda tiegħu stess u l-estensjoni tal-power station ta’ Dellimara jagħmilha taħdem bil-gass.


Dwar il-foga tad-dħaħen tal-karozzi hemm bżonn ta’ azzjoni konkreta u minnufih. Tliet suġġerimenti ta’ kif nistgħu nnaqqsu t-tniġġis mill-karozzi huma dawn:


1. Kampanja u infrastruttura biex nużaw aktar il-mixi jew ir-roti bħala mezz ta’ trasport. Biex dan ikun possibbli, toroq ġodda jridu jinbnew bil-‘bicycle lanes’.


2. Titjib sew fit-trasport pubbliku. Jekk it-trasport pubbliku jkun aktar effiċjenti u ta’ min jorbot fuqu, aktar nies iħallu l-karozza tagħhom id-dar.


3. Mezzi biex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku. Ta’ kull filgħodu r-rawndebawt tal-Marsa (u bħa-lha r-rawndebawt tal-Kappara u t-triq ta’ Ħ’At-tard) ikunu mifnijin bi traffiku miexi b’pass ta’ nemla. Dawn il-konġestjonijiet tat-traffiku jnaqqsu ħafna l-effiċjenza tal-karozzi u jżidu ħafna t-tniġġis. Kieku l-Gvern kellu jaqbad il-barri minn qru-nu u jibni ‘flyovers’ fil-Marsa u l-Kappara (simili għal tal-Blata l-Bajda), kieku l-emissjonijiet tal-CO2 jonqsu drastikament.


M’hemmx xi ngħidu, biex tibni ‘flyover’ trid il-flus. Però anke biex tibni pont għal ‘breakwater’ u biex twaqqa’ u terġa’ tibni Bieb il-Belt trid il-flus. Jekk m’hemmx flus għal kollox, allura hi kwistjoni ta’ prijoritajiet. Li kelli nagħżel, nippreferi nonfoq biex innaq-qas it-tniġġis u nħares is-saħħa tal-poplu milli fuq monument f’ġieħ il-Gvern.

Sunday, September 27, 2009

It-Tfal tas-Single Mothers


F’dawn il-ġranet il-Ministru tal-Finanzi nazzjonalista ddikjara li biex inaqqas id-defiċit dejjem jikber li għandu l-Gvern, kien se jagħfas lis-‘single mothers’. Il-Ministru qal li fost dawn l-ommijiet hemm minn qiegħed jabbuża. U dan, qal il-Ministru, mhux sew.


Li l-abbuż huwa ħażin, jiġi minn fejn jiġi, jaqbel miegħu kulħadd. Imma tajjeb li ngħidu ukoll li meta l-Gvern ikun qed jagħfas lis-‘single mothers’, ikun qed jagħfas primarjament lit-tfal tagħhom. F’Malta huwa stmat li hawn ftit ’il fuq minn 8,000 ‘single mother’. Minn dawn 6,000 għandhom impjieg. Huma biss xi 2,000 li jiddependu għall-għixien tagħhom u tal-familja tagħhom fuq is-servizzi soċjali. Dawn, ras għal ras, jieħdu medja ta’ €4,000 fis-sena f’għajnuna soċjali. Bejniethom jieħdu €8 miljun mingħand il-Gvern. Fil-maġġoranza tagħhom dawn huma każi ġenwini. Minn iħabbat wiċċu ta’ kuljum man-nies jaf x’mi-żerja u tbatija jgħaddu minnu ħafna minn dawn l-ommijiet. Jaf kemm sagrifiċċji jagħmlu biex irabbu t-tfal tagħhom. Jaf kif f’ħafna każi d-dinja tkun tathom mill-agħar fl-istadji kollha ta’ ħajjithom. Allura f’ħafna minn dawn il-każi, il-ftit għajnuna li jagħti l-istat lil dawn il-familji mhux biss hija ġustifikata imma allaħares ma kinitx hi.


Anke jekk l-abbuż li qiegħed jisħaq fuqu l-Ministru Nazzjonalista huwa minnu u jekk minn dawn l-2,000 familja hemm xi mijiet li qegħdin jabbużaw, l-aktar li l-Gvern jista’ jiffranka huma xi ftit mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Issa €1,000 huma flus imma ħdejn €100,000,000 mhuma xejn. Għax fl-istess ġimgħa li l-Ministru tal-Finanzi kien qed jikkundanna s-‘single mothers’, l-istess ministru ħafer mal-€100,000,000 f’penali lil min f’dawn l-aħħar 30 jew 40 sena nqabad li ma ħallasx l-Income Tax kif suppost. Mela €100,000,000 mill-kaxxa ta’ Malta maħfura lil min inqabad jikser il-liġi tajjeb, imma li xi ‘single mother’ li Alla jaf kemm qalgħet fuq wiċċha tieħu xi ewro żejjed huwa sagrileġġ.


Illi familja ta’ tnejn jew tlieta min-nies jgħixu fuq €4,000 jew €5,000 fis-sena diġà huwa kważi impossibbli (l-aktar tort tal-istess Gvern Nazzjonalista li kull sussidju li kien hawn u għad hawn fil-pajjiż qed jipprova jħottu) aħseb u ara jekk issa tieqaf din l-għajnuna wkoll. U x’jiġri mit-tfal tas-‘single mothers’ jekk jieqaf dan is-servizz soċjali? Jekk hawn min hu kuntent li jerġa’ jara tfal jittallbu fit-toroq u jerġa’ jara l-istituti jfuru bit-tfal, aħna m’aħniex. Jekk il-Partit Laburista ttollera ħafna matul is-snin mill-avversarji politiċi tiegħu, din ma jistax jittolleraha. Akkost ta’ kollox il-Partit Laburista ma jistax jippermetti li l-Gvern Nazzjonalista jħott is-servizzi soċjali tal-pajjiż.


Li naqtgħu l-abbuż jaqbel miegħu kulħadd, imma li tfal Maltin jerġgħu jispiċċaw jittallbu fit-toroq ma nistgħu naċċettawha qatt.

Sunday, September 13, 2009

Propaganda


GĦAL xi wħud id-demokrazija hija sabiħa sakemm ikunu qegħdin jirbħu. Kif tibda’ tinqaleb il-folja u jibda’ jidher li n-nies ikunu jridu tmexxija ġdida, il-prinċipji tad-demokrazija jibdew jiġġebbdu.

Meta l-Partit Nazzjonalista tilef b’marġni storika l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, esponenti għoljin tal-istess partit ħarġu jgħidu li waħda mir-raġunijiet għaliex tilfu l-elezzjoni kienet li ma rnexxielhomx ifehmu lin-nies dak il kienu qegħdin jagħmlu. Issa m’hemm xejn ħażin illi tfihem. Anzi hija parti importanti minn tmexxija tajba li dak li tkun qed tagħ-mel ikun fil-beraħ u mifhum minn kulħadd. Imma mbagħ-ad hemm mod ieħor kif “tfiehem”. L-Ingliżi dan it-tieni mod isejħulu ‘spin’. Fl-imgħoddi aħna konna nsejħulu propaganda.

Hemm linja rqiqa ħafna bejn li tispjega l-‘policies’ tiegħek u li tgħawweġ il-fatti biex jidhru dejjem favur tiegħek. Min vera jemmen u jgħożż id-demokrazija din il-linja ma jaq-biżhiex. Min min-naħa l-oħra jagħmel minn kollox biex iżomm il-poter, mhux vera jemmen fid-demokrazija.

Fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali l-Partit Nazzjonalista uża tattika importanti biex seta’ jirbaħ fuq il-PL. Din kie-net it-tattika tal-“better the devil you know”. Kif taħdem din it-tattika? Meta tkun qorbot sew l-elezzjoni u jkun jidher li minkejja l-vantaġġi kollha tal-“power of incumbancy” xorta jkun hemm nies li fl-imgħoddi vvotaw lill-PN iżda li din id-darba għadhom bierda, il-mezzi fini ta’ propaganda tal-PN (jiġifieri xi wħud mil-gazzetti Maltin bl-Ingliż) joħorġu jgħidu: “Veru li l-Gvern falla f’xi oqsma, u forsi ma kienx perfett f’kollox, imma aħjar b’dak li għandna u li nafuh milli li nipprovaw lil xi ħadd ġdid li min jaf kemm jista’ jitfagħna lura.”

Għal min ikun sejjer pjuttost tajjeb fil-ħajja, dan l-argument hu b’saħħtu ħafna. U ma hemmx dubju li fl-elezzjoni ta’ tliet snin oħra, il-PN jerġa’ jużah. Il-PL din id-darba jrid ikun lest għalih.

Ħafna nies jgħidu: “Jekk il-PL ma jagħmel xejn u jħalli l-Gvern jgħaffeġ waħdu, il-labour jirbaħ l-elezzjoni żgur.” Jekk il-PL jagħmel hekk u joqgħod gallarija allura t-tattika tal-“better the devil you know” se terġa’ tagħti spinta lill-PN. Biex dan ma jiġrix il-PL minn issa jrid juri li fil-fatt għandu l-‘policies’ u n-nies li mhux biss huma kapaċi jmexxu l-pajjiż imma huma saħansitra kapaċi aktar minn min qed imexxi llum. Il-PL m’għandux jibża’ jgħid dak li jemmen fih u joffri alternattivi għal mod kif qed imexxi min jum għall-ieħor il-Gvern.

Friday, August 28, 2009

Arti Kontemporanja


F’dawn iz-zminijiet meta aktar u aktar familji qeghdin issibuha difficli biex ilahhqu mal-hajja u meta aktar u aktar nies qeghdin jigu wicc imb’wicc mal-faqar, tidher stramba kif ghal xhur shah sezzjoni tal-media Maltija ilha mqabbda mal-kwistjoni ta’ jekk dahlet il-Belt ghandiex ikollha bini tal-Parlament jew le.


Meta wiehed idur id-djar u jitkellem man-nies ftit issib min l-akbar inkwiet tieghu hu jekk it-teatru l-gdid hux ser ikollu saqaf jew le. In-nies illum l-gholi tal-hajja, in-nuqqas tax-xoghol u problemi socjali ohra qieghdin jinkwetawhom. In-nies il-kontijiet tal-dawl u l-ilma, il-qaghad u problemi tas-sahha u medicini qed jaffetwalhom il-hajja ta’ kuljum.


Ma’ danna kollu u minkejja dan, il-hajja kulturali tal-pajjiz u l-kwistjonijiet li bin-nuqqas tal-hila tieghu, qieghed johloq il-gvern stess, ghandhom l-importanza taghhom. Kaz minnhom, illi fil-fatt ilu jinhass ghal numru ta’snin, huwa n-nuqqas ta’ muzew tal-arti moderna u kontemporanja. Kull fejn tmur fid-dinja issib muzewijiet u wirjiet permanenti ta’ xogholijiet ta’ artisti li ghexu u hadmu f’dawn l-ahhar snin. U tmur fejn tmur fl-ibliet principali tal-Ewropa, dawn il-wirjiet dejjem issibhom ifollati bin-nies. Malta le.


Hux ma ssibhomx ifullati bin-nies. Sempliciment ma ssibhomx. Ghax ma jezistux! Illi ghandna artisti ta’ kwalita ma hemmx dubju. Bizzejjed insemmu lil Willie Apap, lil Esprit Barthet u lil Caruana Dingli minn fost l-artisti ta’ l-ahhar seklu. U Harry Alden, Pawlu Carbonaro u John Martin Borg – fost hafna ohrajn – mil-artisti kontemporanji. U li n-nies irridu muzew bhal dan huwa ovvju ukoll. Kull wirja li b’hafna sagrificcju hafna drabi itellghu l-artisti nfushom, dejjem tigbed hafna nies. Ezempju car ta’ dan hija l-wirja li kull sena itella’ l-parocca ta’ Marsascala – Unita – li jzuruha eluf ta’ nies. Dan il-muzew ta’ l-Arti Moderna u Kontemporanja illi jinhass il-bzonn tieghu f’ Malta. Issa li l-gvern taghna (ghax irridu jew ma rridux dan il-gvern lil poplu Malti jirrapprezenta) qieghed jghid li ser jonfoq l-ghaxriet tal-miljuni tal-euro biex jerga’ jibni d-dahla tal-Belt ( issa mhux ser tibqa’ Bieb il-Belt, ghax mhux ser ikun hemm bieb!), issa l-gvern ghandu l-opportunita biex dan il-muzew jibnih. S’issa ma qalx li ha jaghmel hemm. Imma forsi fl-ahhar ir-raguni tirbah, u l-gvern jisma’ mil-poplu li suppost jirrapprezenta!